MADRE MARGERITA TAL-QALB TA’ ĠESÙ

SORIJIET FRANĠISKANI TAL-QALB TA’ ĠESÙ – PROVINĊJA TA’ MALTA

Min Hi Madre Margerita?

Madre Margerita, fis-seklu Virginia De Brincat, twieldet fir-raħal ċkejken ta’ Kerċem ġewwa Għawdex fit-28 ta’ Novembru 1862. Hija bint Mikielanġ u Katrina neè Gauci. Din il-familja imbierka minn Alla, ġiet imferrħa minn ħdax ulied, ħames subien u sitt ibniet. Virġinja rċeviet il-magħmudija fl-istess ġurnata ġewwa l-Bażilka ta’ San Ġorġ Martri, r-Rabat. Hija trabbiet f’ambjent reliġjuż u kif jgħid il-Malti x-xemx minn filgħodu turik għax iċ-ċkejkna Virġinja kellha devozzjoni kbira lejn Ġesù Ewkaristija.  Jingħad li meta flimkien mal-ġiren li kienu jinġabru biex jaħdmu l-bizzilla fuq iz-zuntier, iċ-ċkejkna Virġinja kienet tintasab tħares lejn in-naħa tat-tabernaklu biex minn hemm issellem lil Ġesù Ewkaristija.  F’età żgħira ta’ erbatax-il sena hija għamlet il-vot tal-Verġinità u fit-8 ta’ Diċembru tal-1877 hija nkitbet mal-grupp ta’ Tnax-il Stilla tal-Qalb ta’ Ġesù li aktar tard saret il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet  franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù. Wara ħafna kumbatt biex tiġi milqugħa bħala membru tal-Kongregazzjoni li kienet għada fil-bidu, minħabba l-età żgħira tagħha, ġiet aċċettata fil-5 ta’ Frar tal-1881. Fl-20 ta’ Frar tal-istess sena hija bdiet in-Novizzjat u fis-17 ta’ Awwissu tal-1883 hija għamlet l-ewwel Professjoni. Sa mill-bidunett il-Fundatur Dun Ġużepp Diacono tefa’ għajnejh fuq Madre Margerita għax fiha ra kapaċità intelletwali u spiritwali.  Fil-15 ta’ Awwissu 1884 ġiet maħtura minn Dun Ġużepp bħala s-segretarja tal-Assoċjazzjoni tat-Tnax il-Kewkba.  Madre Margerita għamlet l-aħħar Professjoni fit-8 ta’ Diċembru 1887 f’idejn l-Isqof Pietru Pace.

Għaliex Madre Margerita tissejjaħ Fundatriċi?

 

Kull bidu huwa iebes u dan ma kiex eċċezzjoni għal Kongregazzjoni li kienet qegħda tissawwar.  Dun Ġużepp kien ta ruħu u ġismu u saħansitra flusu għal din il-ħolma tiegħu.  L-Assoċjazzjoni mill-Knisja ta’ Santa Savina mxiet f’dar f’Għajn Qatet, ir-Rabat, iżda billi l-membri bdew jiżdiedu kif ukoll l-appostolat mat-tfal u x-xebbiet kien qabad ġmielu, ħass il-bżonn li jfittex x’imkien akbar.  Huwa sab fi Triq Palma u għalhekk ħallew ta’ Għajn Qatet u imxew hemmhekk.  Beda wkoll jibni l-Knisja li għada hemm sa llum.  F’dan iż-żmien hekk delikat il-Kongregazzjoni kienet għaddejja minn problemi finanzjarji. Sadanittant fuq talba tal-mara tas-segretarju tal-Gvernatur, Lady May Hutchinson, infetħet l-ewwel dar f’Malta u Madre Margerita kienet intbagħtet bħala Superjura f’din id-dar. Dun Ġużepp beda jħoss il-piż tad-dejn jagħfas u spiss kien iwissi lis-sorijiet biex iħallsu d-dejn iżda dawn kienu jieklu mill-Karità li kienet tiġi.  Darba fost l-oħrajn, waqt li Madre Margerita kienet qegħda titlob f’riġlejn Ġesù Ewkaristija fil-Kappella tad-Dar ta’ B’Kara, hija ġiet ispirata biex tmur malajr il-Casa Madre, Għawdex.  Hija dlonk marret fil-Kċina u talbet lill-koka biex takkumpanjaha lejn Għawdex.  Tajjeb insemmu li dak iż-żmien ma kienx hemm karozzi tal-linja, iżda waslet il-Marfa fuq karozzin.  Malli Madre Margerita waslet il-Casa Madre, issib il-komunità miġbura fil-loġġa u Dun Ġużepp kien f’nofs is-sorijiet jagħmel l-inventarju tal-oġġetti u tal-għamara li ried ibiegħ u jeħles minnha. F’kelma oħra, hu ried jeqred darba għal dejjem il-Kongregazzjoni, id-Dar tal-Karità, l-iskola u kollox! Is-sorijiet, għajnejhom mimlijin dmugħ, kienu qed jinnutaw kull ma jgħid. Xi wħud minnhom kienu diġà lestew ħwejjiġhom biex jitilqu. Mhux biss, imma – kif qaltilna Madre Paċifika, li kienet semgħet l-istorja minn fomm Madre Margerita nfisha – erba’ minnhom kienu diġà libsu l-ħwejjeġ ta’ sekulari u kienu bi ħwejjiġhom f’sorra lesti biex jitilqu. Anke Dun Diacono kien jidher imħawwad u donnu ma jafx x’inhu jagħmel. Malli ra lil Madre Margerita, li hu la kien sejħilha u lanqas kien qed jistennieha f’dak il-waqt, ħares lejha bl-ikrah u qalilha b’ton iebes: “Għalfejn ġejt? Min sejjaħlek? Stajt bqajt Malta fejn kont!”  Hi nxteħtet għarkobbtejha quddiemu u qaltlu bl-umiltà kollha: “Missier, jien ħassejt ispirazzjoni kbira biex niġi u ġejt mal-ewwel.” “Int ġejt?” qalilha Dun Diacono, filwaqt li deher imdejjaq għall-aħħar għax kien qed jaraha quddiem wiċċu f’dak il-mument, “Forsi ġejt biex tieħu ħsieb int tal-komunità? Nixtieq narak! Tista’ forsi int tħallas id-djun, tħallas il-ħaddiema u ttemm il-bini u dak kollu li fadal isir?”  Madre Margerita kienet baqgħet dejjem għarkobbtejha f’nofs is-sala b’idejha flimkien fuq sidirha u b’għajnejha mimlijin dmugħ. F’daqqa waħda fehmet għaliex kien hemm dak it-taħwid kollu u għaliex Dun Diacono kien qiegħed iġib ruħu b’dak il-mod stramb. Is-sorijiet ma kienx irnexxielhom iħallsu fiż-żmien is-somma flus li kellhom jagħtu għall-interessi u għall-ammortizzazzjoni tal-kapital. Għalhekk Diacono ippretenda li jerġa’ jieħu f’idejh il-ġid tiegħu. Fil-fatt, fl-att tad-donazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 1886, kien hemm il-klawsola li kienet tgħid: “Jekk din il-komunità tonqos mill-obbligu li tħallas id-djun … id-donazzjoni għandha titqies daqslikieku qatt ma saret u mingħajr effett.”  

Dejjem għarkobbtejha, u bid-dmugħ f’għajnejha, Madre Margerita wieġbet: “Iva, Missier, jiena nħoss li, bil-għajnuna ta’ Alla, nista’ nieħu din ir-responsabbiltà u mmexxi ‘l quddiem din l-opra”.

“Int li m’intix kapaċi lanqas terfa’ għajnejk mill-art? Int? Kif tista’ int tieħu fuqek innifsek din il-ħidma u twassalha għat-tmiem, tmexxi lill-ħaddiema, issib il-flus, tħallas id-djun u tmexxi ‘l quddiem il-ħidma tal-komunità? Ma tkun qatt kapaċi”.

“Iva, Missier”, wieġbet Madre Margerita bl-umiltà kollha, imma fl-istess ħin b’qawwa fit-ton mhux tas-soltu. “Iva, nista’. Bil-għajnuna ta’ Alla nħoss li nista’ nieħu dan kollu fuq spallejja u nkompli l-ħidma.”

Dun Diacono mhux biss ma ħassux konvint u mqanqal minn din l-umiltà u l-qawwa ta’ karattru, imma talli ħassu aktar offiż għax sab min mar kontrih. Dejjem kellu stima kbira ta’ Maestra Virġinja (Madre Margerita), tal-ispiritwalità profonda tagħha, tal-kapaċità tagħha li tobdi, imma hu qatt ma kien qiesha bħala mara li kapaċi tmexxi lill-oħrajn, speċjalment li kapaċi tmexxi komunità kbira, u l-aktar f’waqtiet diffiċli u ta’ emerġenza bħal dak. Hu kien jaħseb li hi kienet kapaċi ħafna biex titlob, biex tagħti eżempju tajjeb u biex taħdem taħt id-direzzjoni tal-oħrajn, imma mhux li tagħmilha ta’ Superjura. Madre Paċifika tkompli tgħidilna: “Dun Diacono beda jgħidilha kliem iebes u li bih beda jbaxxiha. Hi bdiet twieġeb bil-kalma kollha, filwaqt li tkompli tinsisti li kienet tħossha kapaċi li tieħu fuq spallejha dak il-piż, u li bl-għajnuna ta’ Alla kienet tittama li twettaq dik il-ħidma diffiċli li kellha tieħu.”

Dan l-indħil daqshekk deċiż, u li ħadd ma stennieh kien biddel il-qagħda drammatika ta’ dak il-waqt. Dun Diacono, li kien wasal għad-deċiżjoni li jerġa’ jibgħat lis-sorijiet fil-familji tagħhom u b’hekk isiru sekulari, issa ħassu obbligat li jieqaf mill-pjan tiegħu u s-sorijiet preżenti ħadu r-ruħ. Mill-erbgħa li kienu lesti li jitilqu, tnejn baqgħu ma’ Madre Margerita, deċiżi li kellhom jgħinuha fl-opra tagħha biex issewwi s-sitwazzjoni, il-maġġoranza ddeċidiet li tibqa’ u ftit biss telqu, minħabba n-nuqqas ta’ kuraġġ li kellhom quddiem dik il-qagħda mwiegħra.

Dan il-fatt jimmarka bidla deċiżiva fl-istorja tal-Kongregazzjoni u fil-ħajja ta’ Madre Margerita.  Minn dan il-waqt, Madre Margerita tibda, mingħajr ma taf kif u mingħajr ftaħir, l-azzjoni vera tagħha ta’ fundatriċi. Din il-ħidma tagħha hi tibdieha wara indħil dirett magħmul minn Alla. Din kienet il-fehma dejjiema tas-sorijiet anzjani.  Marija Luisa Busuttil, li kienet is-sitt Superjura Ġenerali tal-Kongregazzjoni, hekk tikteb:

“Filwaqt li kienet mehdija f’ħajja ta’ ġabra u skiet, Madre Margerita kienet tassew imnebbħa mis-sema f’dak il-waqt ta’ twegħir, jekk ħassitha kapaċi li tieħu fuq spallejha tant responsabbiltà bħal din f’opra li kienet bdiet biss seba’ snin qabel, u li kienet mhedda li tintemm.”

Hija mexxiet il-Kongregazzjoni u għenitha timmatura u tissaħħaħ, hekk li llum tinsab imxerda mal-erba’ kontinenti tad-dinja!

Siltiet mill-ħajja ta’ Madre Margerita

Translate